fbpx

Il-GWU ma tgawdix il-maġġoranza tax-xufiera fil-Malta Public Transport (MPT)

Illum ħareġ biċ-ċar li l-GWU ma tgawdix il-maġġoranza tax-xufiera fil-Malta Public Transport (MPT). Dan ħareġ minn intervista li saret minn Inews lil rappreżentant tal-GWU b’rabta mal-azzjoni industrijali ordnata mill-GWU dalgħodu.

Aktar minn hekk ħareġ ukoll li ftehim li ntlaħaq bejn il-GWU u l-Malta Public Transport (MPT) kien sempliċiment li l-ħaddiema jżommu l-paga bażika tagħhom. Dan hu dritt bażiku li hu salvagwardjat mill-istess liġi. Fl-istess waqt il-ħaddiema kienu qed jistennew li, minflok jiġġieldu għad-dritt tagħhom bil-liġi, jitjiebu l-kundizzjonijiet tagħhom.

Intant il-Voice of the Workers ukoll innota li l-GWU, nhar it-Tlieta 12 ta’ Mejju, organizzat seminar għall-ħaddiema tal-Freeport dwar is-saħħa u s-sigurtà fil-post tax-xogħol. Tony Zarb, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU kien appella lill-ħaddiema biex ma jagħmlux użu minn makkinarju difettuż, li allura jkun perikoluż, b’detriment għas-saħħa u s-sigurtà tagħhom. Filwaqt li taqbel li ħadd m’għandu jsur makkinarju difettuż, il-Voice of the Workers jinnota d-differenza. Għax m’għandhiex rikonoxximent fl-MPT, il-GWU mhux qed tisħaq dwar is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema! Tant hu hekk li ħaddiem partikulari ġie sfurzat iġib saqqu mid-dar u, bejn xift twil u ieħor, jorqod f’wieħed mill-uffiċċji tat-terminal tal-Belt.

Għall-Voice of the Workers din hi ħasra u turi nuqqas ta’ konsistenza għax dak li l-GWU xtaqet li jsir fil-Freeport, jiġifieri li ssir elezzjoni (secret ballot) sabiex ikun magħruf liema union se jkollha rikonoxximent tal-ħaddiema, ma tagħmilx l-istess għall-ħaddiema fl-MPT!

Sadattant dan il-ġurnal bagħat numru ta’ mistoqsijiet lil uffiċjal tal-kumpanija Malta Public Transport (MPT) u minflok ingħata tweġiba għal dawn il-mistoqsijiet, il-ġurnal elettroniku Voice of the Workers irċieva biss stqarrija li l-MPT għażlet li tibgħat lill-mezzi kollha tax-xandir.

Like this article?

Share on Facebook
Share on Twitter
Share on Linkdin
Share on Pinterest

Leave a comment