fbpx

Il-UĦM telenka l-aktar ħames oqsma prinċipali li qed iqajmu tħassib fost il-ħaddiema

WP_20150325_12_27_22_Pro

WP_20150325_12_36_47_Pro

Il-kwistjoni tal-pensjonijiet, is-sostenibbiltà fil-qafas tat-trasport ta’ Malta, sistema ta’ kura tas-saħħa aktar effiċjenti, il-qagħda tal-ambjent u s-sistema edukattiva, huma l-aktar oqsma li qajmu tħassib fost il-ħaddiema f’Malta.

Hu u jitkellem f’konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-bini l-ġdid tal-Parlament, is-Segretarju Ġenerali tal-UĦM Josef Vella qal li dawn kienu l-ħames oqsma li dwarhom il-UĦM kellha rispons kbir mindu tnieda l-proġett Voice of the Workers f’Novembru 2013.

Dwar il-pensjonijiet, Josef Vella fisser li l-ħaddiema jridu azzjoni urġenti sabiex ikun assigurat li persuni li jilħqu l-età tal-pensjoni fil-futur qrib, ikunu jistgħu jgawdu minn livell ta’ għajxien adekwat.

Qasam ieħor li spikka kien dak tas-sostenibbiltà fil-qafas tat-trasport f’Malta. It-tnaqqis tat-traffiku u sistema ta’ trasport pubbliku effiċjenti, se jnaqqsu t-tniġġiż, li hu fattur prinċipali ta’ ħafna mard. Barra minn hekk, se jnaqqsu l-effetti negattivi fuq il-produttività u fuq l-istress tal-ħaddiema.

Il-ħaddiema jridu lill-membri parlamentari Maltin biex jindirizzaw s-sistema tal-kura tas-saħħa u jitrattaw kwistjonijiet bl-aktar mod urġenti. Tali kwistjonijiet jinkludu l-ħin ta’ stennija għall-appuntamenti kif ukoll l-assigurazzjoni ta’ żvilupp fis-servizzi tal-kura primarja.

L-ambjent hu qasam ieħor li ġie indirizzat. Il-ħaddiema jridu lill-politiċi biex ibidlu l-kliem f’azzjoni, u bl-aktar mod effettiv jitrattaw kwistjonijiet partikulari, bħalma huma, l-iżvilupp dejjem jiżdied, l-infurzar, il-kwalità tal-arja u l-ilma.

Il-ħames qasam li ngħata prominenza hu dak tas-sistema edukattiva f’Malta. Il-ħaddiema jridu lill-politiċi Maltin biex jindirizzaw ir-rata ta’ studenti li jitilqu mill-iskola qabel ma jagħlqu s-16-il sena kif ukoll iridu li jitnaqqas in-numru ta’ żgħażagħ li li jkunu qiegħda u, fl-aħħar mill-aħħar, jispiċċaw fil-faqar.

Dawn il-ħames oqsma ta’ tħassib, li ġew espressi b’mod viżiv fuq kanvas kbira, ġew preżentati mis-Segretarju Ġenerali tal-UĦM Josef Vella lill-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Anġlu Farrugia. L-Ispeaker wiegħed li jgħaddi dawn il-kwistjonijiet lill-Kumitati Magħżula tal-Kamra sabiex issir diskussjoni dwarhom. Min-naħa tiegħu s-Segretarju Ġenerali tal-UĦM qal li “l-viżjoni tal-union sabiex il-vuċi tal-ħaddiema tissaħħaħ fid-djalogu soċjali, immaterjalizzat permezz tal-proġett Voice of the Workers”.

Parzjalment finanzjat mill-Fond Soċjali Ewropew u mill-Gvern ta’ Malta, il-Proġett Voice of the Workers jinkludi web portal li tipprovdi aċċessibbiltà immedjata bla ħlas għal tagħrif rilevanti relatat mad-djalogu soċjali u dan permezz ta’ modi innovattivi. Il-portal ukoll iservi ta’ pjattaforma għall-provvediment ta’ taħriġ b’xejn fuq l-internet dwar djalogu soċjali bipartite u tripartite. Il-proġett ukoll ikopri informazzjoni f’rivista diġitali.

Is-Segretarju Ġenerali tal-UĦM Josef Vella stqarr li dan kollu kien strumentali sabiex ikun provdut tagħrif edukattiv bħala mezz biex il-ħaddiema jkunu mgħammra b’ħiliet ħalli jkunu jistgħu jesprimu l-opinjonjijiet tagħhom kif ukoll isemmgħu leħinhom.

Permezz ta’ dan il-proġett, il-UĦM flimkien mal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) u l-Confederazione Italiana Agricoltori (CIA) qed jaspiraw li jsaħħu l-għarfien u l-ħiliet tal-ħaddiema filwaqt li jżidu l-kapaċità tagħhom biex, b’mod attiv, jikkontribwixxu fid-djalogu soċjali f’Malta.

Like this article?

Share on Facebook
Share on Twitter
Share on Linkdin
Share on Pinterest

Leave a comment