fbpx

Il-UĦM tesprimi tħassib dwar l-Enemalta

Il-UĦM qiegħda tesprimi t-tħassib tagħha dwar iċ-ċaqlieq u t-trasferimenti interni fost il-ħaddiema ta’ l-Enemalta li qed issiru mingħajr l-ebda konsultazzjoni. It-taqsima Manifattura u Kummerċ tal-UĦM fil-fatt kitbet lill-Executive Chairman ta’ l-Enemalta plc u għamlet diversi mistoqsijiet dwar l-inċertezza li qed jaffaċċjaw il-ħaddiema. Dan wara li tentattivi sabiex issir laqgħa ġew imħassra mill-management.

Il-UĦM fost il-mistoqsijiet li staqsiet, primarjament, l-ewwel interess hu għat-take-home pay tal-ħaddiema u għalhekk il-UĦM staqsiet jekk dan id-dħul huwiex garantit għall-ħaddiema u l-familji tagħhom. Il-UĦM staqsiet jekk b’xi mod l-allowances jew ħlas abbinat max-xift hux ser ikun minsus mill-eżerċizzju li qed isir.

Intant il-UĦM staqsiet ukoll jekk l-Enemalta għandiex intenzjoni li tistrasferixxi u/jew tissekonda ħaddiema f’entitajiet u dipartimenti tal-gvern u jekk dan minnu, b’liema kundizzjonijiet se jiġu trasferiti.

Aktar minn hekk il-UĦM qed tistenna li jkollha tweġiba fir-rigward fuq liema bażi dawn it-trasferimenti qed isiru u liema kriterji ta’ għażla qed jintuzaw.

Intant il-UĦM tistenna li l-ebda ħaddiem ma jkun sforzat li jkun trasferit u għaldaqstant il-UĦM qed tistaqsi jekk il-policy addodata mill-Enemalta għal dawn it-trasferimenti hijiex waħda ta’ ‘take it or leave it’ u jekk hux qed tintuża għal kulħadd l-istess.

Il-UĦM irċeviet ukoll ilmenti li filwaqt li jista jkun hemm ħaddiema li jiġu trasferiti f’entitajiet, l-Enemalta qegħda tagħmel outsourcing ta’ xogħol li sa llum qed isir mill-istess ħaddiema tagħha. Għaldaqstant il-UĦM qed tistaqsi jekk dan huwiex minnu u f’liema sezzjonijiet u rwoli dan qed isir jew ser isir.

Hija l-intenzjoni tal-UĦM li tissalvagwardja l-ħaddiema membri tagħha fl-Enemalta u fl-ebda ċirkustanzi mhu ser taċċetta li dawn jiġu diskriminati jew b’xi mod jitilfu kundizzjonijiet tax-xogħol li sa llum qegħdin jibbenefikaw minnhom. Il-ħaddiema tal-Enemalta illum qegħdin f’inċertezza kbira u jeħtieġ li dawn il-ħaddiema jkollhom l-informazzjoni ċara fuq il-futur tagħhom.

Like this article?

Share on Facebook
Share on Twitter
Share on Linkdin
Share on Pinterest

Leave a comment