fbpx

Il-UĦM tirrispondi għall-akkużi mill-MUMN

B’risposta għall-istqarrija maħruġa mill-MUMN, il-UĦM tinstab ixxukjata kif Union oħra toħroġ tattakka Union li propju tkun qed tiddefendi id-drittijiet tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol.

Peress li bħalissa għaddejjin numru ta’ azzjonijiet industrijali minn numru ta’ Paramedic Aides, kif ukoll xi issues fuq Fiżjoterapija, it-Taqsima tas-Saħħa tal-UĦM kienet preżenti fl-isptar Mater Dei. Ġara li f’waqt minnhom, it-Taqsima irċeviet numru ta’ rapporti fejn bosta ta’ Paramedic Aides li jaħdmu fl-ECG Department ġew mhedda sabiex ma jsegwux l-azzjonijiet industrijali.

Dawn għal darba tnejn ġew imġiegħla mill-Prinċipal tagħhom sabiex jiksru id-direttivi legali maħruġin minn din l-istess Union. Ġara wkoll li dan il-Prinċipal mar ifittex dawn l-istess ħaddiema waqt il-ħin tal-brejk tagħhom sabiex jiksirhom u jgħajjat magħhom quddiem in-nies. Dan, għall-UĦM huwa aġir li żgur mhux floku f’pajjiż demokratiku, saħansitra fi sptar tal-Gvern.

Għaldaqstant, il-UĦM bagħtet email lill-management kollu kif ukoll ikkupjat lil dan il-prinċipal bid-direttiva sabiex ikollu prova ċara illi d-direttiva hija maħruġa u għalhekk l-ħaddiema huma protetti skond il-liġi.

Biex żgur dawn il-ħaddiema ma jiġux aktar abbuzati, il- UĦM żaret id-dipartiment ta’ dawn il-ħaddiema u ltaqgħet mal-Prinċipal fejn għall-bidu il-laqgħa kienet waħda kordjali. Iżda l-Prinċipal baqa’ jinsisti illi huwa għandu ordnijiet “minn fuq” u għaldaqstant ser ikun qed jerġa jċaħħad lil dawn il-ħaddiema milli jsegwu id-direttivi. Meta l-Assistent Segretarju tat-Taqsima tas-Saħħa tal-UĦM Ian Mark Zammit ġibed l-attenzjoni illi dan ser ikun illegali, il-Prinċipal qam għal dan l-Assistent Segretarju.

Minnufih intervjena is-Segretarju tas-Saħħa tal-UĦM Gian Paul Gauci fejn qagħad bejn il-Prinċipal u dan l-Assistent Segretarju u għamilielu ċara illi jekk imiss lil xi rappreżentant tal-Union, il-UĦM ser ikollha tieħu provedimenti ulterjuri. Gian Paul Gauci għamliha ċara wkoll, li bl-ebda mod xi uffiċċjal jew rappreżentant tal-UĦM ma kellmhu b’ton intimidatorju u li jekk ser ikun qed jimpedixxi lil membri tal-UĦM milli jsegwu d-direttivi, ser ikollha tieħu wkoll passi oħra.

Apparti hekk, is-Segretarju tas-Saħħa Gian Paul Gauci stiednu sabiex iċempel lis-CEO sabiex jara legalment jekk hux fis-sewwa. Jidher però li l-Prinċipal irrifjuta milli jagħmel dan u baqa’ jgħajjat, jhedded u jipprova jkeċċi lir-rappreżentanti u l-uffiċjali tal-UĦM. Kien hawnhekk li l-istess Segretarju tal-UĦM ċempel lil avukat tal-Union fejn informah x’qed jiġri. L-avukat offra illi jkellem lill-Prinċipal innifsu u dan aċċetta. Jidher wkoll li wara li kellem lil avukat, il-Prinċipal wieġeb li mhux sejjer jimpedixxi aktar lill-ħaddiema milli jsegwu id-direttivi tagħhom.
Ftit tal-minuti ilu il-UĦM daħlilha rapport illi Union oħra ser tkun qed iddur dawn il-ħaddiema membri tal-UĦM sabiex tipprova tbeżżagħhom milli jsegwu direttivi legali ordnati mil-Union tagħhom. Dan hu aġir li ma jixraq lil ħadd aħseb u ara lil Union li tirrapreżenta ħaddiema oħra. Għalhekk il-UĦM ser tkun qegħda iżżur dawn il-ħaddiema għada u tara li ħadd m’hu ser jimpedixxi li jinkiser xi dritt tagħhom.

Għaldaqstant, il-UĦM tinstab ixxukjata kif l-MUMN ħarġet takkuża lil UĦM li kienet hi li heddet lil management. Il-UĦM tfakkar ukoll li din ma kienitx l-ewwel darba li din l-istess Union ħarġet favur il-management u kontra id-dritt li l-ħaddiem jista’ jsegwi direttiva maħruġa minn Union. Għaldaqstant, il-UĦM tixtieq tenfasizza li l-UĦM ma taħdimx għaliha nfisha iżda għal-membri tagħha u id-drittijiet tagħhom.

Like this article?

Share on Facebook
Share on Twitter
Share on Linkdin
Share on Pinterest

Leave a comment