Il-Kummissjoni Għolja Maltija f’Londra għenet 52 pazjent Malti matul Ġunju li għadda, liema persuni telgħu r-Renju Unit minħabba raġunijiet mediċi. Matul din is-sena, il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin permezz tal-Kummissjoni Għolja għen total ta’ 350 persuna. Dan ifisser medja ta’ kważi 60 pazjent fix-xahar.
Il-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin Tonio Borg faħħar il-ħidma li ssir mill-Kummissjoni Għolja f’dan ir-rigward. Dawn ħafna drabi jkunu każijiet sensittivi ħafna li jinvolvu persuni morda u l-familjari tagħhom. Kompla jgħid li l-Ministeru tal-Affarijiet Barranin għandu persuna impjegata apposta fil-Kummissjoni Għolja sabiex twettaq din il-ħidma, bi professjonalità għolja. Tenna li l-Ministeru jibqa’ kommess sabiex itejjeb il-ħiliet tal-ħaddiema tiegħu biex jibqa’ joffri dan is-servizz li tant jagħmel ġid. Il-Kummissjoni Għolja Maltija f’Londra, fejn jidħlu każijiet bħal dawn tgħin b’diversi modi lill-pazjenti Maltin. Fosthom toffri għajnuna konsulari, tagħrif u informazzjoni dwar il-lokalità u l-isptarijiet konċernati, kif ukoll għajnuna oħra lill-familjari tal-pazjent fosthom anki tgħin fit-trasport, loġistika u akkomodazzjoni.
Intant, il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin jissokta l-ħidma tiegħu fost l-Ambaxxati u l-Konsulati Maltin li għandu mxerrda mad-dinja. Fl-ewwel sitt xhur tas-sena l-Ministeru irċieva u assista f’iktar minn 750 kuntatt marbuta ma’ interessi ta’ negozju u investiment. L-Ambaxxati u l-Konsulati Maltin iqisu dawn il-kuntatti bħala potenzjal għal investimenti u jżommu kuntatt regolari mal-entitajiet konċernati f’pajjiżna fosthom mal-Malta Enterprise. Il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin flimkien mal-Malta Enterprise jaħdmu flimkien sabiex iħajjru iktar investiment dirett barrani f’Malta.
Matul din il-leġislaura, ġew iffirmati 18-il ftehim bilaterali dwar ħelsien mit-taxxa doppja. Fl-aħħar ġranet ħarġet l-aħbar li s-senat Amerikan approva l-ftehim ma’ Malta fuq il-Ħelsien mit-Taxxa doppja. Il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin, kien kruċjali sabiex dan it-trattat jiġi approvat. Intant sal-aħħar ta’ Mejju ġew iffirmati, ratifikati jew daħlu fis-seħħ 88 ftehim bilaterali bejn il-Gvern Malti u pajjiżi oħrajn. Intant, fil-ħidma tiegħu, il-Ministeru jassisti wkoll lill-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw. Fl-ewwel 28 xahar ta’ din il-leġislatura l-Ministeru iffinanzja iktar minn 30 proġett infrastrutturali u edukazzjonali f’pajjiżi tat-tielet dinja, minn fondi tal-Outside Development Aid. Din is-sena ngħataw iktar minn €250,000 ewro f’għajnuna lil 16 il-għaqda karittativa.
Fl-aħħar ġimgħat il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin kompla għaddej bil-ħidma tiegħu li joffri tagħrif u għajnuna konsulari lill-Maltin li jsiefru. Dan qed ikompli jwettqu bħala parti mill-missjoni tiegħu li jinforma liċ-ċittadini Maltin dwar dak kollu li għandhom ikunu jafu meta jsiefru. L-informazzjoni tista’ tiġi aċċessata minn fuq is-sit elettroniku tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin, www.foreign.gov.mt.